table-tennis

Electrofix Hibernians u Caffe Moak Luxol se jilgħabu kontra xulxin fis-serje finali fuq l-aħjar minn 7 partiti għat-titlu MSV Life Kampjonat Femminili 2016, l-44 kampjonat fl-istorja tal-basketball tan-nisa f’pajjizna.

Fit-triq lejn is-serje finali, Electrofix Hibernians, li spiċċaw fl-ewwel post wara l-istaġun regolari, għelbu lil Gzira Athleta fis-semifinali. Minn naħa l-oħra, ic-champions renjanti fl-aħħar sentejn Caffe Moak Luxol xejnu l-isfida ta’ PAVI Depiro wkoll fis-semifinali.

Il-kowċis taz-zewġ finalisti, Alex Farrugia (Hibs) u Charles Bonnici (Luxol), akkumpanjati mill-players rispettivi Nadia Mifsud u Steffi De Martino tkellmu mal-midja qabel il-ftuħ ta’ din is-serje finali nhar il-Ħadd li ġej.

Il-president tal-Malta Basketball Association Paul Sultana u John Buttigieg, Executive Brand Manager tal-isponsors tal-kampjonat MSV Life ndirizzaw ukoll lill-midja.

Kemm Farrugia kif ukoll Bonnici qalu li jisperaw li jkollhom l-iswadra kollha għad-dispozizzjoni u qed jistennew li din is-serje finali tkun waħda bilanċjata hekk kif iz-zewġ finalisti wrew li huma l-aħjar skwadri fil-kampjonat dan l-istaġun.

Il-captain ta’ Hibs, Mifsud, stqarret li qed jimmiraw li jerġgħu jieħdu t-tazza Raħal Ġdid wara nuqqas ta’ sitt snin. Fil-fatt, Hibs, li b’14-il kampjonat mirbuħ huma l-aktar team ta’ suċċess fil-basketball femminili, l-aħħar rebħu l-kampjonat fl-2010eta dakinhar kienu għelbu lill-istess Luxol 2-1 fis-serje finali.

Il-forward ta’ Luxol De Martino, minn naħa tagħha, qalet li Luxol se jippruvaw jagħmluhom tliet kampjonati mirbuħa konsekuttivi u b’hekk jitilgġu għal 12-il kampjonat fl-istorja.

“Bħala MSV Life, aħna kuntenti li erġajna qed inkunu assoċjati mal-basketball. Nafu li l-logħba għandha bosta segwaċi f’Malta u l-isponsorship ta’ MSV Life jaqa’ fil-linja tal-isforz tal-kumpanija li tassisti lill-komunita” qal John Buttiġieġ f’isem MSV Life li din is-sena huma l-isponsors tal-kampjonat tan-nisa.

“Kull logħba dan l-istaġun bejn Hibs u Luxol kienet waħda nteressanti u qed inħarsu b’ħerqa lejn serje finali ferm attrajenti” qal Paul Sultana. Il-president tal-MBA ħabbar ukoll li mill-istaġun li ġej se jerġa jkun possibli li jilgħabu players barranin fil-kampjonat femminili minbarra l-isntroduzzjoni ta’ kriterja ġdida biex barranin mhux professjonali jkunu jistgħu wkoll jilgħabu kemm fil-logħob maskili u anke femminili mill-istaġun 2016/2017.

L-istess bħal ma’ seħħ għall-ewwel darba sena ilu, se jerġa jkun hemm l-unur tal-MVP għas-serje finali biex tippremja dik il-plejer li l-aktar tispikka f’dawn il-finali.

Is-serje finali tal-MSV Life Women Basketball Best-of-7 Playoff Finals

 

Game 1 –         Il-Ħadd 17 ta’ April 2016 – 2.45pm

Game 2 –         L-Erbgħa 20 ta’ April 2016 – 7.00pm

Game 3 –         Il-Ħadd 24 ta’ April 2016 – 2.45pm

Game 4 –         L-Erbgħa 27 ta’April 2016 – 7.00pm

Game 5 –         Il-Ħadd 1 ta’ Mejju 2016 – 2.45pm

Game 6 –         Il-Ħadd 8 ta’ Mejju – 2.45pm

Game 7 –         Il-Ħadd 15 ta’ Mejju – 4.30pm